Aqbeż għall-kontentut

Merill

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Merill
Stat ta' konservazzjoni

Riskju minimu  (IUCN 3.1)
Klassifikazzjoni xjentifika
KlassiAves
OrdniPasseriformes (mul) Passeriformes
FamiljaMuscicapidae (mul) Muscicapidae
ĠeneruMonticola (mul) Monticola
speċi Monticola solitarius
Linnaeus, 1758
Distribuzzjoni ġeografika
Informazzjoni ġenerali
Massa 5.95 g


Il-merill (bil-Latin: Monticola solitarius) huwa speċi passeriformes ta' għasfur. Għandu l-għamla ta' żanżarell jew ta' malvizz tad-Dinja l-Antika u fl-imgħoddi kien ikklassifikat fil-familja tat-Turdidae. Jitnissel fin-Nofsinhar tal-Ewropa, fil-Majjistral tal-Afrika, u mill-Asja Ċentrali sat-Tramuntana taċ-Ċina u l-Malażja. Il-merill huwa l-għasfur nazzjonali ta' Malta u kien jidher fuq in-naħa ta' wara tal-munita tal-Lira Maltija.

Il-merill ġie deskritt minn Carl Linnaeus fl-1758 fl-10 edizzjoni tas-Systema Naturae tiegħu bl-isem doppju Turdus solitarius.[1][2] L-isem xjentifiku tal-għasfur ġej mil-Latin. Monticola ġejja minn mons jew montis, jiġifieri "muntanja", u colere, jiġifieri "jgħammar", u l-epitet speċifiku solitarius ifisser "solitarju".[3]

Il-ġeneru Monticola tal-merill fl-imgħoddi kien ikklassifikat fil-familja tat-Turdidae[4] iżda l-istudji filoġeniċi molekolari wrew li l-ispeċijiet fil-ġeneru huma relatati iktar mill-qrib ma' membri tal-familja tal-Muscicapidae taż-żanżarelli tad-Dinja l-Antika.[5]

Hemm ħames sottospeċijiet rikonoxxuti:[6][7]

  • M. s. solitarius (Linnaeus, 1758) – fil-Majjistral tal-Afrika, fin-Nofsinhar tal-Ewropa, fit-Tramuntana tat-Turkija sal-Georgia u l-Ażerbajġan.
  • M. s. longirostris (Blyth, 1847) – fil-Greċja u fil-Punent u fin-Nofsinhar tat-Turkija sal-Lvant Nofsani, il-Majjistral tal-Himalayas, il-Grigal tal-Afrika u l-Indja.
  • M. s. pandoo (Sykes, 1832) – fil-Himalayas ċentrali sal-Lvant taċ-Ċina u t-Tramuntana tal-Vjetnam u l-Gżejjer Sunda l-Kbar.
  • M. s. philippensis (Statius Müller, 1776) – fil-Lvant tal-Mongolja sa Sakhalin u n-Nofsinhar sal-Ġappun, it-Tramuntana estrema tal-Filippini u l-Grigal taċ-Ċina u l-Indoneżja.
  • M. s. madoci Chasen, 1940 – fil-Peniżola Malażjana u fit-Tramuntana ta' Sumatra.

Hemm proposta biex il-Monticola solitarius tinqasam f'żewġ speċijiet: klassifikazzjoni tassonomika tal-Punent li tinkludi l-M. s. solitarius u l-M. s. longirostris u klassifikazzjoni tassonomika tal-Lvant li tinkludi l-M. s. philippensis, l-M. s. pandoo u l-M. s. madoci.[8]

Il-merill huwa għasfur b'daqs simili għal dak tal-isturnell, b'tul ta' 21–23 cm (8.3–9.1 pulzieri) u b'munqar irqiq u twil. Il-merill maskili tat-tnissil jispikka peress li għandu rix blu fil-griż apparti ġwienaħ iktar skuri. Il-merill femminili u l-frieħ ma jispikkawx daqshekk peress li għandhom rix kannella skur fin-naħa ta' fuq u rix kannella ċar fin-naħa t'isfel tagħhom. L-għasfur maskili tas-sottospeċi M. s. philippensis għandu rix ħamrani-qastni minn nofs sidru sa taħt denbu. Iż-żewġ sessi ma għandhomx rix ħamrani fuq in-naħa ta' barra ta' denbhom.[8]

Il-merill maskili għandu għana melodjuża u ċara, li hija simili iżda għal dik tal-malvizz tal-blat iżda tgħajjat iktar.

Distribuzzjoni u ħabitat

[immodifika | immodifika s-sors]

L-għasafar Ewropej, tat-Tramuntana tal-Afrika u tax-Xlokk tal-Asja ta' din l-ispeċi fil-biċċa l-kbira huma residenti, apparti xi ċaqliq altitudinali. Popolazzjonijiet Asjatiċi oħra jpassu iktar, u fix-xitwa jfittxu l-kenn tal-Afrika sub-Saħarjana, tal-Indja u tax-Xlokk tal-Asja. Dan l-għasfur ma tantx huwa komuni fit-Tramuntana u fil-Punent tal-Ewropa. Intlemaħ darbtejn fl-Amerka ta' Fuq: darba fil-British Columbia fl-1997 u darba f'Oregon fl-2024.[9][10]

Il-merill jitnissel fiż-żoni muntanjużi miftuħa. Ibejjet fix-xquq fil-blat u fil-ħitan, u normalment il-merill femminili tbid 3–5 bajdiet. Il-merill huwa omnivoru u jiekol firxa wiesgħa ta' insetti u rettili żgħar, minbarra frott artab u żrieragħ.[8]

  1. ^ Linnaeus, C. (1758). Systema naturae per regna tria naturae, secundum classes, ordines, genera, species, cum characteribus, differentiis, synonymis, locis. Tomus I. Editio decima, reformata (bil-Latin). Vol. 1. Holmiae:Laurentii Salvii. p. 170.
  2. ^ Mayr, Ernst; Paynter, Raymond A. Jr. (1964). Check-list of Birds of the World. Volume 10. Vol. 10. Cambridge, Massachusetts: Museum of Comparative Zoology. p. 138.
  3. ^ Jobling, James A. (2010). The Helm Dictionary of Scientific Bird Names. Londra, ir-Renju Unit: Christopher Helm. pp. 260, 359. ISBN 978-1-4081-2501-4.
  4. ^ Dickinson, E.C., ed. (2003). The Howard and Moore Complete Checklist of the Birds of the World (3rd ed.). Londra: Christopher Helm. ISBN 978-0-7136-6536-9.
  5. ^ Sangster, G.; Alström, P.; Forsmark, E.; Olsson, U. (2010). "Multi-locus phylogenetic analysis of Old World chats and flycatchers reveals extensive paraphyly at family, subfamily and genus level (Aves: Muscicapidae)". Molecular Phylogenetics and Evolution. 57 (1): 380–392. Bibcode:2010MolPE..57..380S. doi:10.1016/j.ympev.2010.07.008. PMID 20656044.
  6. ^ "Chats, Old World flycatchers – IOC World Bird List". www.worldbirdnames.org. Miġbur 2025-06-18.
  7. ^ Collar, N. (2020). "Blue Rock-thrush (Monticola solitarius)". In del Hoyo, J.; Elliott, A.; Sargatal, J.; Christie, D.A.; de Juana, E. (eds.). Handbook of the Birds of the World Alive. Lynx Edicions. doi:10.2173/bow.burthr.01. S2CID 216233603.
  8. ^ a b ċ Zuccon, D.; Ericson, Per G.P. (2010). "The Monticola rock-thrushes: phylogeny and biogeography revisited". Molecular Phylogenetics and Evolution. 55 (3): 901–910. Bibcode:2010MolPE..55..901Z. doi:10.1016/j.ympev.2010.01.009. PMID 20079862.
  9. ^ Eichenberg, Gretchen (2024-05-01). "Teacher captures images of 'very rare' bird never before seen in US". Fox News (bl-Ingliż). Miġbur 2025-06-18.
  10. ^ Kuta, Sarah. "Extremely Rare Blue Rock Thrush Spotted in Oregon Might Be the First Ever in the United States". Smithsonian Magazine (bl-Ingliż). Miġbur 2025-06-18.